RIFLESSJONI FUQ IT-TIELET HADD TAR-RANDAN

Riflessjoni fuq l-Evanġelju ta’ San Ġwann (4: 5-42) minn Dun Pawl Camilleri.

Video iffilmjat u editjat minn George Palmier. Iżjed riflessjonijiet fuq l-Evanġelju issibuhom fil-Youtube Channel – Parrocca Iklin Malta.


F’dak iż-żmien, Ġesù ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. Ġesù qalilha:«Agħtini nixrob.» Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara mis-Samarija qaltlu: «Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?» Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani.
Ġesù weġibha: «Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: “Agħtini nixrob,” kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj.» Qaltlu l-mara: «Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u
wliedu u l-imrieħel tiegħu?»
Weġibha Ġesù: «Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta’ l-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.» Qaltlu l-mara: «Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma.» Qalilha Ġesù: «Mur sejjaħ lil żewġek u erġa’ ejja hawn.» Weġbitu l-mara: «Ma għandix żewġi.» Qalilha Ġesù: «Sewwa għedt: “Ma għandix żewġi.” Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa m’huwiex żewġek. Sewwa weġibt!»
Qaltlu l-mara: «Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm.» Qalilha Ġesù: «Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u fil-verità. Għax il Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u fil-verità.» Qaltlu l-mara: «Jiena naf li ġej il-Messija — dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna.» Qalilha Ġesù: «Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek.»
Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh: «Xi trid?» jew: «Għax qiegħed titkellem magħha?» Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies: «Ejjew araw bniedem li qalli kull ma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?» U n-nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.
Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: «Rabbi, kul!» Iżda hu qalilhom: «Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih.» Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: «Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x’jiekol?» Qalilhom Ġesù: «L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu. Intom ma tgħidux li baqa’ erba’ xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x’ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad! Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta’ dejjem, biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. F’dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad. Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom.»
Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom: «Qalli kull ma għamilt,» tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Imbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: «Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja.»