Avviż Gruppi Familji Nsara fi ħdan il-Moviment Ta’ Kana

“Inkunu xhieda ħajja tal-imħabba t’Alla meta ngħixu s-sejħa tagħna fiż-żwieġ”. Din hija s-sejħa tal-Gruppi Familji Nsara fi ħdan il-Moviment Ta’ Kana.

Imwaqqfa fl-1971, din is-sena l-Gruppi Familji Nsara qed jiċċelebraw il-45 sena mit-twaqqif tagħhom.

Il-Gruppi Familji Nsara jinsabu kważi f’kull parroċċa u joffru mixja ta’ formazzjoni spiritwali mibnija fuq il-bżonnijiet u r-rejaltajiet tal-familja llum.  Fil-laqħa ta’ kull xahar il-Grupp jesplora tema partikolari kif imfassla fuq il-ktieb SKEMI, u kif il-kelma ta’ Alla ddawalna f’dik iċ-ċirkustanza. SKEMI jkun ippubblikat kull sena, dejjem b’suġġetti ta’ laqgħat differenti mmirati għall-familja u l-ħajja miżżewġa.

 


pdf icon Gruppi-Familji-Insara-Skemi-2016.pdf

Servizzi ta’ Counselling

COUNSELLING

 

Ilkoll jiġuna mumenti f’ħajjtina meta nħossu l-bżonn li niftħu qalbna u nitkellmu ma’ xi ħadd li jismagħna bl-attenzjoni kollha mingħajr preġudizzju. Xi kultant li tagħmel l-ewwel pass huwa diffiċli imma jekk issib il-kuraġġ u tagħmel appuntament se tinduna li ser issib lil xi ħadd lest li jgħinek bis-sħiħ.

Il-counselling huwa servizz kunfidenzjali fejn nies imħarrġa professjonalment u kwalifikati jisimgħuk u jgħinuk tara soluzzjonijiet u tiddeċiedi fuq l-aħjar triq għalik. Il-problemi u sitwazzjonijiet li l-counsellors ta’ Kana jiltaqgħu magħhom huma kemm ta’ natura personali, interpersonali, kif ukoll problemi fil-familja.

F’każ ta’ bżonn, il-counsellor ukoll tista’ tirreferik għas-servizz tal-psikologu li għandna fi ħdan Kana. Jekk tħoss il-bżonn li tuża dawn is-servizzi tiddejjaqx iċċemplilna fuq 22039300/315 jew tibgħat e-mail fuq [email protected].